Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità: Iffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni strateġika bejn l-ENISA u l-Europol

Report this content

Il-kapijiet tal-ENISA u l-Europol illum iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni strateġika fil-kwartieri ġenerali tal-Europol fl-Aja, biex jiġu ffaċilitati kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-iskambju ta’ kompetenza esperta fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

AMBITU

L-iskop tal-ftehim huwa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Europol, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu (EC3), u l-ENISA sabiex jappoġġjaw lill-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Il-ftehim ma jkoprix l-iskambju ta’ dejta personali.

Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari:

  • l-iskambju ta’ għarfien speċifiku u kompetenza esperta,
  • it-tfassil ta’ rapporti ġenerali ta’ sitwazzjonijiet,
  • rapporti li jirriżultaw minn analiżi strateġika u l-aħjar prassi,
  • it-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni, għas-salvagwardja tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fil-livell tal-UE.

L-ENISA hija parti mill-Bord tal-Programm EC3 u rispettivament EC3 huwa parti mill-Grupp tal-Partijiet Interessati Permanenti tal-ENISA li joffri konsulenza lid-Direttur (tal-ENISA) dwar il-Programm ta’ Ħidma u l-prijoritajiet ta’ kull sena. L-ENISA u EC3 dejjem ħadmu id f’id biex isaħħu ċ-ċibersigurtà fil-livell tal-UE u jnaqqsu ċ-ċiberkriminalità. Il-ħidma s’issa inkludiet, fost l-oħrajn, il-produzzjoni ta’ paper konġunta dwar il-mitigazzjoni ta’ Botnet; il-parteċipazzjoni fix-Xahar Ewropew taċ-ĊiberSigurtà; ċibereżerċizzji bħal CyberEurope; il-produzzjoni ta’ gwida ta’ prassi tajba għal CERTs; u t-titjib ta’ CERT/kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi permezz ta’ workshops u konferenzi.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA, il-Professor Udo Helmbrecht, u d-Direttur tal-Europol, Rob Wainwright, ħarġu dikjarazzjoni konġunta: “Dan il-ftehim huwa pass importanti fil-ġlieda kontra ċiberkriminali li qed isiru aktar kapaċi u li qed jinvestu aktar ħin, flus u nies fuq attakki mmirati. Il-ftehim tagħna juri li aħna impenjati bil-qawwa biex nikkontribwixxu b’mod konġunt fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħna, u biex nappoġġjaw il-ħidma ta’ xulxin fl-isfida biex l-Ewropa tkun post aktar sigur online. Iċ-ċiberkriminalità hija stmata li tiswa lill-ekonomija globali aktar minn 400 biljun dollaru fis-sena1, u permezz ta’ kooperazzjoni flimkien aktar mill-qrib u bil-qsim tal-kompetenza esperta, aħna nsaħħu l-kapaċità tal-Ewropa biex tiġġieled kontra ċ-ċiberkriminali.”

Sfond

L-ENISA hija korp ta’ kompetenza esperta fiċ-ċibersigurtà, li għandha l-kwartieri ġenerali f’Heraklion, u uffiċċju f’Ateni, il-Greċja, li tassisti lill-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati relatati kollha biex jiġu indirizzati u impediti problemi tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

             1       McAfee (2014), Net Losses: Estimating the Global Cost of Cybercrime, Ġunju 2014

* Europol, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, li jinsab fl-Aja, il-Pajjiżi l-Baxxi, huwa responsabbli għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE, billi jsaħħaħ l-azzjonijiet mill-Istati Membri billi jipprevjeni u jiġġieled il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħrajn ta’ kriminalità serja li jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/JHA). L-EC3, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, ospitat mill-Europol, huwa l-punt fokali fil-ġlieda tal-UE kontra ċ-ċiberkriminalità. Dan jappoġġja lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kapaċità operazzjonali u analitika għall-investigazzjonijiet u l-kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali, fil-qasam taċ-ċiberkriminalità. L-oqsma speċifiċi tal-mandat tiegħu huma frodi ta’ pagamenti (online), sfruttament sesswali tat-tfal online, u reati li jaffettwaw sistemi kritiċi ta’ infrastruttura u informazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Għal intervisti, ikkuntattja lil:

Ulf Bergström, Uffiċjal Superjuri tal-Komunikazzjoni Korporattiva u Kelliem għal ENISA, +30 6948 460 143, jew Lisanne Kosters, Kelliema għal Europol, +31 70 302 5001. 

Tags:

Documents & Links