Il-ħsarat fis-sistema jikkawżaw l-akbar interruzzjonijiet fis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont rapport ġdid tal-ENISA

Report this content

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) llum tippubblika t-tielet rapport annwali dwar interruzzjonijiet fis-servizz fuq skala kbira fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Ir-Rapport Annwali dwar l-Inċidenti 2014 jipprovdi analiżi aggregata tal-inċidenti tas-sigurtà fl-2013 li kkawżaw interruzzjonijiet severi fis-servizz. Ħafna mill-inċidenti rrappurtati lir-regolaturi u lill-ENISA kienu jinvolvu konnessjonijiet tal-internet bil-mowbajl u tat-telefonija bil-mowbajl. Il-kawżi l-aktar frekwenti huma ħsarat fis-sistema li prinċipalment jaffettwaw stazzjonijiet ta’ bażi u swiċċijiet.

Ir-rapport annwali huwa riżultat ta’ proċess ta’ rappurtar ta’ inċidenti fl-UE kollha li beda fl-2012, skont l-Artikolu 13a tad-Direttiva Qafas (2009/140/KE). L-inċidenti huma rrappurtati nazzjonalment mill-operaturi lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs). L-interruzzjonijiet fis-servizz l-aktar serji huma rrappurtati kull sena mill-NRAs lill-ENISA u l-Kummissjoni Ewropea. Is-sejbiet ewlenin huma elenkati fil-qosor hawn taħt:

  • 90 inċident ewlieni rrappurtat: Din is-sena 19-il pajjiż irrapporta 90 inċident sinifikanti filwaqt li 9 pajjiżi ma rrappurtaw ebda inċident sinifikanti.
  • In-netwerks tal-mowbajl huma l-aktar milquta: Madwar nofs l-interruzzjonijiet tas-servizz ewlenin kienu jinvolvu internet bil-mowbajl u tat-telefonija bil-mowbajl.
  • L-impatt fuq is-sejħiet ta’ emerġenza: 21 % tal-inċidenti ewlenin kellhom impatt ukoll fuq is-sejħiet ta’ emerġenza (aċċess għall-112).
  • Il-maġġoranza (61 %) tal-interruzzjonijiet fis-servizz kienu kkawżati minn ħsarat fis-sistema: Ħafna drabi dawn il-ħsarat fis-sistema kienu bugs fis-softwer, ħsarat fil-ħardwer u miskonfigurazzjonijiet fis-softwer li affettwaw swiċċijiet u stazzjonijiet ta’ bażi.
  • Il-fenomeni naturali għandhom l-akbar impatt f’termini ta’ sigħat tal-utent mitlufin: Ħafna drabi, temp sever (borra għal żmien twil, tempesti), wassal għal qtugħ tal-elettriku jew tal-kejbils, li mbagħad wasslu għal interruzzjonijiet fis-servizz serji f’termini ta’ sigħat tal-utent mitlufin. L-aktar assi affettwati kienu l-istazzjonijiet ta’ bażi, is-swiċċijiet u l-iswiċċjar mobbli.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA l-Professur Udo Helmbrecht jistqarr:

“In-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni pubbliċi huma s-sinsla tas-soċjetà diġitali tal-UE. L-għan tagħna huwa li ngħinu biex tiżdied ir-reżistenza u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-rappurtar tal-inċidenti u d-diskussjoni tal-inċidenti attwali huwa essenzjali biex wieħed jifhem ir-riskji u x’jista’ jiġi mtejjeb. L-ENISA se tkompli tikkollabora mar-regolaturi tat-Telecom tal-UE biex tappoġġja r-rappurtar effiċjenti u effettiv dwar inċidenti ta’ sigurtà”.

Dan ir-rapport annwali ma jsemmix pajjiżi, fornituri, jew inċidenti speċifiċi. L-inċidenti speċifiċi se jiġu diskussi mal-Kummissjoni Ewropea u l-NRAs, fil-Grupp ta' Esperti tal-Artikolu 13a. Fejn meħtieġ l-ENISA se tappoġġja l-Istati Membri tal-UE biex jimmitigaw tipi speċifiċi ta’ inċidenti. Wara r-rappurtar dwar l-inċidenti tal-2012, l-ENISA qed taħdem fuq gwida għax-xerrej u l-bejjiegħ biex tippermetti lill-fornituri jamministraw is-sigurtà filwaqt li jakkwistaw minn bejjiegħa tal-ICT u msieħba tal-esternalizzazzjoni għall-operazzjonijiet ewlenin tagħhom.

Għal rapport komplut: https://www.enisa.europa.eu/activities/Resilience-and-CIIP/Incidents-reporting/annual-reports/annual-incident-reports-2013/

Sfond:L-Artikolu 13a tad-Direttiva Qafas (2009/140/KE) fil-qafas legali tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Vidjow: https://www.youtube.com/watch?v=ArHKpkFnRB0

Għal intervisti: Christoffer Karsberg, Espert fis-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, email: Christoffer. Karsberg (at) enisa.europa.eu, mowbajl: +30 6951782255

Tags:

Documents & Links