Ix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà: Matul Ottubru, kun af kif tħares is-sigurtà tiegħek waqt li tkun onlajn

Report this content

Trid issir taf kif tħares is-sigurtà tiegħek waqt li tkun onlajn? Ingħaqad ma' wieħed mill-bosta avvenimenti, webinars u azzjonijiet oħra li jagħmlu parti mix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà ta' Ottubru, il-kampanja tal-UE li għandha l-għan li tippromwovi ċ-ċibersigurtà, li tibda llum fi Brussell. Aktar minn mitt avveniment u attività f'25 pajjiż (imniżżlin hawn taħt) għandhom jgħinuna nħarsu lilna nfusna mit-theddidiet ċibernetiċi permezz ta' pariri dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, kompetizzjonijiet, opportunitajiet ta' edukazzjoni u qsim ta' prattiċi tajba. It-tema tal-kampanja hija "iċ-ċibersigurtà hija responsabbiltà kondiviża- Ieqaf u ħseb qabel tidħol fl-Internet". Din hija stedina biex kulħadd isir jaf aktar dwar is-sigurtà onlajn u biex ngħinu lil ta' madwarna jħarsu lilhom infushom mit-theddidiet ċibernetiċi. L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali se taħdem biex iżżid il-provvista ta' soluzzjonijiet aktar sikuri mill-industrija tal-UE u biex tistimula l-adozzjoni tagħhom minn kulħadd fl-Ewropa: dan se jinkiseb l-aktar permezz tat-twaqqif ta' sħubija pubblika-privata dwar iċ-ċibersigurtà f'teknoloġiji u netwerks onlajn, flimkien ma rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (it-tnejn li huma ppjanati għall-2016).

Ix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà qed jiġi ċċelebrat għat-tielet sena konsekuttiva u ġie organizzat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), il-Kummissjoni Ewropea u 'l fuq minn mitt sieħeb   (awtoritajiet lokali, gvernijiet, universitajiet, think tanks, NGOs u assoċjazzjonijiet tal-professjonisti) mill-Ewropa kollha. Il-kampanja għandha wkoll firxa internazzjonali: skopri l-kampanja tal-Istati Uniti minn hawn.

Il-Viċi-President Ansip, responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali, qal li: "Is-sigurtà kontra l-attakki ċibernetiċi saret ċentrali għall-fiduċja tal-konsumatur u l-ekonomija onlajn. Iżda ma nistgħux nisfruttaw sew l-opportunitajiet offruti mill-għodod diġitali u n-netwerks onlajn jekk ma nafdawhomx. Biex in-nies, meta jkunu onlajn, jagħmlu għażliet infurmati aħjar u joqgħodu attenti għar-riskji huwa vitali li titqajjem il-kuxjenza dwar ir-riskji u t-theddiet, u li ċ-ċibersigurtà hija responsabbiltà kondiviża" (aqra l-entrata kollha tal-blog

Il-Kummissarju Oettinger, responsabbli mill-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qal li: "Biex nagħmlu d-dinja diġitali post sikur għal kulħadd, għandha nikkontribwixxu lkoll: dawk li jfasslu l-politika, ir-riċerka, l-industrija u ċ-ċittadini. Iżda biex l-Ewropej igawdu b'mod sħiħ mill-benefiċji ta' Internet sikur, jeħtiħiġilhom ukoll li jkunu konxji mir-riskji li jiltaqgħu magħhom meta jkunu onlajn u li jkunu jafu kif jistgħu jkollhom rwol attiv għas-sigurtà tagħhom fil-ħajja ta' kuljum. Ix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà huwa opportunità kbira biex jinxterdu l-prattiċi tajba u jiżdied il-livell ġenerali ta' kuxjenza u b'hekk taċ-ċibersigurtà fl-UE".

Id-Direttur Ġenerali tal-ENISA, il-Professur Udo Helmbrecht, qal li: "Is-soċjetajiet tagħna qed jiġu diġitizzati b'mod kontinwu u mexjin lejn l-era tal-IoT u l-ibliet smart, il-ħiliet elettroniċi u s-sigurtà onlajn huma riżorsi essenzjali li jeħtieġ li jiġu żviluppati u mtejba kontinwament. L-Aġenzija qiegħda tiżviluppa komunità sħiħa ta' Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni madwar l-inizjattiva tax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà."

Azzjoni! X'se jkun qed iseħħ f'Ottubru?

Ix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà jibqa' għaddej tul Ottubru kollu. Kull ġimgħa se jkollha suġġett partikolari li jiffoka dwaru.

L-ewwel ġimgħa - mill-1 sal-4 ta' Ottubru: Taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà għall-impjegati

It-tieni ġimgħa - mill-5 sal-11 ta' Ottubru: Noħolqu kultura ta' ċibersigurtà fuq il-post tax-xogħol

It-tielet ġimgħa - mit-12 sat-18 ta' Ottubru: Ġimgħa tal-ikkowdjar għal kulħadd

It-raba' ġimgħa - mid-19 sal-25 ta' Ottubru: Nifhmu s-soluzzjonijiet cloud għal kulħadd

Il-ħames ġimgħa - mis-26 sal-31 ta' Ottubru: Suq Uniku Diġitali għal kulħadd

Se jkun hemm attivitajiet tax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà f'dawn il-pajjiżi: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja.

Kull ġimgħa l-ENISA u l-Kummissjoni se jippubblikaw rapporti u jorganizzaw avvenimenti u attivitajiet b'rabta ma' dawn is-suġġetti. L-avvenimenti se jkunu fl-għamla ta' taħriġ, summits ta' strateġija, preżentazzjonijiet ġenerali għall-utenti, kwizzis onlajn u attivitajiet simili.  

Kull ġimgħa, l-ENISA se tippubblika materjal ġdid hawnhekk.

Wieħed jista' jieħu xi ideat mill-ENISA dwar is-sigurtà onlajn kemm bħala edukatur, impjegat, espert tal-IT jew utent komuni.

Se jkun hemm chat permezz ta' Twitter nhar il-Ħamis it-8 ta' Ottubru fl-10 pm ħin ta' Brussell minn sħab mill-Istati Uniti. Segwi ċ-chat minn #CyberSecMonth jew #ChatSTC.

Ħu sehem f'dan il-kwizz biex issir taf kemm tkun sikur waqt li tkun onlajn.

Sib infografiki b'informazzjoni dwar is-sigurtà.

Il-fiduċja u s-sigurtà fis-suq uniku diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea tikkontribwixxi għal dan l-għan b’għadd ta’ modi: bil-ħolqien tal-qafas legali li għandu jsaħħaħ il-kapaċitajiet tas-sigurtà ċibernetika fl-Ewropa (notevolment permezz tal-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà għall-Ewropa dedikata tagħha u tad-Direttiva dwar is-Sigurtà ta-Netwerk u l-Informazzjoni); bil-ħidma biex tkun żgurata l-privatezza tal-komunikazzjonijiet onlajn (notevolment permezz tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika); bl-appoġġ għar-R&Ż fil-qasam taċ-ċibersigurtà tal-ogħla livell (b'investiment ta' madwar nofs biljun f'Orizzont 2020), bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali taċ-ċibersigurtà tagħna. Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità hija wkoll pilastru ewlieni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà li ġiet ippubblikat f’April. Il-Kummissjoni qiegħda żżid is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost il-persunal tagħha stess b’taħriġ u kampanja ddedikata aktar kmieni din is-sena.

Ħoloq Utli

-      Iċ-Ċibersigurtà u l-Privatezza fl-Aġenda Diġitali

-      Ix-Xahar Ewropew għaċ-Ċibesigurtà - Ottubru 2015

-      L-Isfida tax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà

-      Korsijiet universitarji u programmi ta’ ċertifikazzjoni dwar is-Sigurtà tan-Netwerk u tal-Informazzjoni fl-Ewropa

-      Sib il-lista sħiħa tal-attivitajiet fl-Ewropa kollha hawnhekk.

-      Segwi l-iżviluppi fuq Twitter #CyberSecMonth, #OctoberNIS, @CyberSecMonth

-      Aqra l-istejjer tal-Ambaxxaturi taċ-ċibersigurtà tagħna

Tags:

Documents & Links